Aqbeż għall-kontentut

Abu al-Fida

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Abu al-Fida
Emir ta' Hama

1300 - 1331
Al-Muzaffar Mahmud II (en) Translate - Al-Afdal Muhammad (en) Translate
Ħajja
Isem propju أبو الفداء
Twelid Damasku, 1273, Novembru 1273
Mewt Hama, 27 Ottubru 1331
Familja
Ulied
Edukazzjoni
Lingwi Għarbi
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni ġeografu
storiku
astronomu
astrologu
politiku
mexxej
kittieb
Xogħlijiet importanti Taqwim al-Buldan (en) Translate
al-Mukhtaṣar fī Akhbār al-bashar (en) Translate

Abu al-Fida (bl-Għarbi: أبو الفداء‎; Abū al-Fidāʾ; Latinizzat ukoll bħala Abulfeda, magħruf ukoll bħala Ismāʿīl b. ʿAlī b. Maḥmūd b. Muḥammad b. ʿUmar b. Shāhanshāh b. Ayyūb b. Shādī b. Marwān[1] (bl-Għarbi: إسماعيل بن علي بن محمود بن محمد بن عمر بن شاهنشاه بن أيوب بن شادي بن مروان‎), twieled f'Novembru 1273 u miet fis-27 ta' Ottubru 1331.[2] Huwa kien ġeografu u storiku Kurd tal-era tal-Mamluk[3], prinċep Ayyubid u gvernatur lokali ta' Hama, illum parti mis-Sirja.[4]

Il-krater Abulfeda fuq il-Qamar, issemma għalih.

Abu al-Fida twieled f'Damask[5], fejn missieru Malik ul-Afdal, ħu l-Emir Al-Mansur Muhammad II ta' Hama, kien fittex il-kenn wara li ħarab mill-Mongoli. Abu al-Fida b'hekk kien in-neputi ta' Al-Muzaffar II Mahmud, li kien in-neputi ta' Al-Muzaffar Umar, neputi ta' Saladin u proneputi ta' Ayyub (għaldaqstant oriġinarjament ta' dixxendenza Kurda).[6][7]

Fi tfulitu huwa ddedika lilu nnifsu għall-istudju tal-Koran u tax-xjenzi, iżda minn meta għalaq għoxrin sena 'l quddiem, huwa kien involut kważi b'mod kostanti fi spedizzjonijiet militari, l-iktar kontra dawk li kienu qed iwettqu l-kruċjati.[8]

Fl-1285 huwa kien preżenti fl-assedju ta' fortizza tal-Kavallieri ta' San Ġwann u pparteċipa fl-assedji ta' Tripli, Acre u Qal'at ar-Rum. Fl-1298 huwa daħal fis-servizz tas-Sultan tal-Mamluk Malik al-Nasir u wara tnax-il sena ngħata r-riedni tal-governorat ta' Hama. Fl-1312 huwa sar prinċep bit-titlu ta' Malik us-Salhn, u fl-1320 irċieva t-titlu ereditarju ta' sultan Malik ul-Mu'ayyad.[8]

Huwa miet fl-1331.[8]

Taqwim al-Buldan ("Skizz tal-Pajjiżi"), bħall-biċċa l-kbira tal-istorja, huwa bbażat fuq ix-xogħlijiet tal-predeċessuri ta' Abu al-Fida, fosthom ix-xogħlijiet ta' Tolomew u Muhammad al-Idrisi. Introduzzjoni twila dwar diversi kwistjonijiet ġeografiċi hija segwita minn tmienja u għoxrin taqsima, b'format ta' tabelli, dwar il-bliet u l-irħula ewlenin fid-dinja. Wara kull isem, jingħataw il-lonġitudni, il-latitudni, il-klima, l-ortografija, u mbagħad osservazzjonijiet ġeneralment meħuda minn kitbiet ta' awturi preċedenti. Partijiet minn dan ix-xogħol ġew ippubblikati u tradotti saħansitra diġà fl-1650 fl-Ewropa.[8] Fix-xogħlijiet tiegħu Abu al-Fida jsemmi korrettament il-latitudni u l-lonġitudni tal-belt ta' Quanzhou fiċ-Ċina.[9]

Il-ktieb fih ukoll l-ewwel spjegazzjoni magħrufa tal-paradoss taċ-ċirkumnavigazzjoni. Abu al-Fida kiteb li persuna li kienet twettaq ċirkumnavigazzjoni tad-dinja lejn il-Punent kienet tgħodd jum inqas minn osservatur stazzjonarju, ladarba tkun qed tivvjaġġa fl-istess direzzjoni bħall-moviment apparenti tax-xemx fis-sema. Persuna li kienet twettaq ċirkumnavigazzjoni tad-dinja lejn il-Lvant kienet tgħodd jum iktar minn osservatur stazzjonarju. Dan il-fenomenu ġie kkonfermat żewġ sekli wara, meta l-ispedizzjoni ta' Magellan-Elcano (1519-1522) ikkompletat l-ewwel ċirkumnavigazzjoni. Wara tbaħħar lejn il-Punent madwar id-dinja minn Spanja, l-ispedizzjoni għaddiet minn Cabo Verde għall-provvisti nhar l-Erbgħa, id-9 ta' Lulju 1522 (skont il-ħin abbord). Madankollu, in-nies lokali qalulhom li fil-fatt kien il-Ħamis, l-10 ta' Lulju 1522.[10]

L-Istorja Konċiża tal-Umanità (bl-Għarbi: المختصر في أخبار البشر‎;Tarikh al-Mukhtasar fi Akhbar al-Bashar, jew Is-Sommarju tal-Istorja tar-Razza Umana, jew L-Istorja ta' Abu al-Fida; تاريخ أبى الفداء) tiegħu nkitbet bejn l-1315 u l-1329 bħala kontinwazzjoni ta' L-Istorja Kompluta ta' Ali ibn al-Athir (għall-ħabta tal-1231). Inkitbet bħala annali estiżi mill-ħolqien tad-dinja sal-1329.[11]

Hija maqsuma f'żewġ partijiet, waħda li tkopri l-istorja tal-Arabja pre-Iżlamika u l-oħra li tkopri l-istorja tal-Iżlam sal-1329. Inżammet aġġornata minn storiċi Għarab oħra, fosthom Ibn al-Wardi sal-1348, u Ibn al-Shihna sal-1403. Ġiet tradotta bil-Latin, bil-Franċiż u bl-Ingliż u kienet ix-xogħol ewlieni tal-istorjografija Musulmana li kienet tintuża mill-Orjentalisti tas-seklu 18, fosthom Jean Gagnier (1670-1740) u Johann Jakob Reiske (1754).[12]

  1. ^ Reza, Enayatollah; Negahban, Translated by Farzin (2015-10-16). Abū al-Fidāʾ (bl-Ingliż). Brill. Miġbur 2021-10-27.
  2. ^ Gibb, H. A. R. (1986). "Abu'l Fidā". The Encyclopaedia of Islam. Volume 1: A-B. Leiden: Brill. p. 119.
  3. ^ Field, Henry (1939). Field Museum of Natural History. 29. Field Museum of Natural History of Chicago. p. 79. ISBN 9785873406647.
  4. ^ Selin, Helaine (1997-07-31). Encyclopaedia of the History of Science, Technology, and Medicine in Non-Westen Cultures (bl-Ingliż). Springer Science & Business Media. pp. 7–8. Ċitazzjoni għandu parametr mhux magħruf u vojt: |iktar= (għajnuna)
  5. ^ Chambers Biographical Dictionary, ISBN 0-550-18022-2, p. 5.
  6. ^ The Kurds: A Concise Handbook, p. 45.
  7. ^ Jett, Stephen C. (2017). Ancient Ocean Crossings: Reconsidering the Case for Contacts with the Pre-Columbian Americas. University of Alabama Press. p. 30. ISBN 9780817319397.
  8. ^ a b ċ d Abulfeda. 1. Miġbur 2021-10-27.
  9. ^ The Travels of Ibn Batūta: With Notes, Illustrative of the History, p. 211.
  10. ^ Winfree, Arthur T. (2001). The Geometry of Biological Time (2nd ed.). New York: Springer Science & Business Media. p. 10. ISBN 978-1-4757-3484-3.
  11. ^ Helaine Selin, Encyclopaedia of the History of Science, Technology, and Medicine in Non-Westen Cultures (1997), p. 7.
  12. ^ Henricus Orthobius Fleischer, Abulfedae historia anteislamica, arabice: E duobus codicibus bibliothecae regiae Parisiensis, 101 et 615, F.C.W.Vogel (1831).